Għalkemm ir-ritorn tal-grupp Abba, wara ħafna stennija, ma jistax jitqies bħala wieħed ta’ suċċess daqs kemm kien mistenni, l-istess grupp iżomm ir-rekord ta’ l-aktar album li dam fil-klassifika Ingliża. Dan grazzi għall-album tagħhom ‘Gold – The Greatest Hits’, li għamel 394 ġimgħa fl-aqwa 40 fil-klassifika Ingliża ta’ l-albums.

Fit-tieni u t-tielet post insibu s-soundtracks ta’ ‘The Sound Of Music’ (346 ġimgħa) u ‘South Pacific’ (315 ġimgħa). Fleetwood Mac jagħmluha fir-raba’ post permezz ta’ l-album ‘Rumours’ (302) u l-grupp Queen jagħmluha fil-ħames post permezz ta’ l-album ‘Greatest Hits’ (301 ġimgħa).

L-artist li għandu tlett albums mal-aqwa 20 huwa Ed Sheeran. Fid-disa’ post l-album tiegħu ‘Divide’ (248 ġimgħa), fl-għaxar post l-album ‘X’ (240 ġimgħa) u fis-sbatax-il post, l-album ‘+’ (181 ġimgħa).