Il-President Amerikan Joe Biden qabel “fil-prinċipju” li jorganizza summit mal-President Russu Vladimir Putin biex jiddiskuti l-kriżi tal-Ukrajna.

It-taħditiet proposti minn Franza se jsiru biss jekk ir-Russja ma tinvadix lill-ġar tagħha l-Ukrajna, qalet il-White House.

Il-laqgħa tista’ toffri soluzzjoni diplomatika possibbli għal waħda mill-agħar kriżijiet ta’ sigurtà fl-Ewropa f’għexieren ta’ snin.

Uffiċjali Amerikani qed jinsistu li r-Russja lesta tniedi operazzjoni militari, Moska tiċħad dan.

Il-proposta tħabbret mill-presidenza Franċiża wara żewġ telefonati bejn il-President Emmanuel Macron u Putin, li damu għal kważi tliet sigħat b’kollox.

It-tieni skambju seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tnejn, ħin ta’ Moska, u segwa konverżazzjoni ta’ 15-il minuta li Macron kellu ma’ Biden.