Il-forzi Russi sparaw missili lejn diversi bliet Ukrajni u niżlu truppi fuq il-kosta tan-nofsinhar tagħha. Dan kien konfermat mill-uffiċjali u midja, wara li l-President Vladimir Putin awtorizza dik li sejjaħ operazzjoni militari speċjali fil-Lvant.

Ftit wara li Putin tkellem f’indirizz televiżiv fuq it-TV tal-istat Russu, setgħu jinstemgħu splużjonijiet fil-ħemda f’żoni tal-kapitali Ukrena Kiev. L-aġenzija tal-aħbarijiet Interfax qalet li sparar instema’ ħdejn l-ajruport ewlieni tal-kapitali.

Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li jinsab “mwerwer mill-ġrajjiet orribbli fl-Ukrajna” u li l-President Russu Vladimir Putin “għażel triq ta’ tixrid ta’ demm u qerda billi nieda dan l-attakk mhux ipprovokat”.

Zied li tkellem mal-President tal-Ukrajna biex jiddiskuti kif għandu jirrispondi u jwiegħed azzjoni deċiżiva mir-Renju Unit u l-alleati.