L-FIA ħabbret li neħħiet lir-Russja mid-dritt li tospita Grand Prix tal-Formula 1 għall-istaġun li ġej.

Fi stqarrija maħruġa ftit tal-hin ilu, l-organizzazzjoni qalet li “huwa impossibbli li jsir il-Grand Prix tar-Russja fiċ-ċirkostanzi attwali”.

“Il-Kampjonat tad-Dinja tal-Formula 1 tal-FIA jżur pajjiżi madwar id-dinja b’viżjoni pożittiva biex jgħaqqad lin-nies, iġib in-nazzjonijiet flimkien,”.

“Qed naraw l-iżviluppi fl-Ukrajna bid-dwejjaq u xokk u tama għal riżoluzzjoni rapida u paċifika għall-kriżi attwali.”

Nhar il-Ħamis, wieħed mill-aktar sewwieqa ta’ suċċess ta’ dan l-isport, l-erba’ darbiet champion tad-dinja Sebastian Vettel, qal li se jirrifjuta li jikkompeti fit-tellieqa jekk il- Grand Prix jsir ir-Russja.

Din il-mossa seħħet wara li l-korp governattiv tal-futbol Ewropew, il-UEFA, ħabbret li neħħiet lill-belt Russa ta’ San Pietruburgu mid-dritt li tospita l-Finali taċ-Champions League tal-2022.