Is-sid ta’ Chelsea FC, Roman Abramovich, ġie sanzjonat mill-gvern tar-Renju Unit bħala parti mir-rispons tiegħu għall-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Huwa wieħed mis-seba’ oligarki li se jintlaqtu b’sanzjonijiet ġodda, inkluż iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Il-lista tinkludi wkoll lill-biljunarji Igor Sechin u Oleg Deripaska, it-tnejn meqjusa bħala alleati ta’ Vladimir Putin.

Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li “ma jistax ikun hemm kenn” għal dawk li appoġġaw l-invażjoni.

“Is-sanzjonijiet tal-lum huma l-aħħar pass fl-appoġġ bla waqfien tar-Renju Unit għall-poplu Ukrain. Se nkunu bla ħniena biex insegwu lil dawk li jippermettu l-qtil ta’ ċivili, il-qerda ta’ sptarijiet u l-okkupazzjoni illegali ta’ alleati sovrani,” qal il- Prim Ministru Johnson.