Aktar minn 18-il miljun ruħ, tliet darbiet aktar milli qed jgħidu r-rekords uffiċjali – probabbilment mietu minħabba Covid, jgħidu riċerkaturi.

Ir-rapport tagħhom jasal sentejn għal jum minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat l-ewwel darba l-pandemija.

It-tim tal-mortalità eċċessiva tal-Covid-19 fl-Università ta’ Washington tal-Istati Uniti studja 191 pajjiż u territorju għal dik li huma jsejħu l-figura tal-mewt globali vera.

Xi mwiet kienu mill-virus, filwaqt li oħrajn kienu marbuta mal-infezzjoni.

Dan għaliex il-qbid ta’ Covid jista’ jaggrava kundizzjonijiet mediċi oħra li kienu jeżistu qabel, bħal pereżempju mard tal-qalb jew tal-pulmun.

Il-miżura użata tissejjaħ imwiet żejda – kemm aktar nies ilhom imutu milli kien mistenni meta mqabbel ma’ dawn l-aħħar snin, qabel laqat il-pandemija.