Ħames persuni nqatlu fi-sparatura fil-periferija ta’ Tel Aviv fl-Iżrael, dan kien it-tielet attakk fatali tat-tip tiegħu fi żmien ġimgħa.

Dan ġara f’Bnei Brak, waħda miż-żoni Lhud ultra-Ortodossi l-aktar popolati tal-pajjiż.

Ir-raġel armat li allegatament wettaq l-attakk inqatel mill-pulizija, qal paramediku fuq il-post.

Il-forzi tas-sigurtà Iżraeljani kienu fuq allert kbir wara attakki mill-Għarab Iżraeljani nhar it-Tlieta u l-Ħadd li għadda, li ħallew sitt persuni mejta.

Ir-residenti f’Bnei Brak u l-belt ġirien ta’ Ramat Gan irrappurtaw li nhar it-Tlieta raġel kien saq u fetaħ in-nar lil dawk li kienu għaddejjin.