F’Awwissu, Ronaldo wiegħed li se jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ l-episodji f’Old Trafford wara li naqas li jassigura trasferiment għal ma klabb li jilgħab fiċ-Champions League, kif kien qed jittama.

Il-Portugiż kiser is-silenzju tiegħu f’intervista ma’ Piers Morgan għal TalkTV.

Il-plejer veteran kien nieqes mill-iskwadra tal-United fir-rebħa fuq Fulham (2-1) il-Ħadd, liema rebħa tellathom fil-ħames post fil-Premier League fl-ewwel staġun tal-manager Ten Hag fit-tmexxija.

Meta mistoqsi jekk il-ġerarkija tal-United kienitx qed tipprova ġġiegħlu jitlaq mill-klabb, Ronaldo qal: “Iva, mhux biss il-kowċ [Erik ten Hag], iżda żewġ jew tliet membri oħra madwar il-klabb. Ħassejtni tradut.”

Meta reġa’ ġie mistoqsi jekk l-eżekuttiv tal-klabb kienu qed jippruvaw ikeċċuh, il-player ta’ 37 sena qal: “Ma jimpurtanix. In-nies għandhom jisimgħu l-verità.

“Iva, ħassejtni tradut u ħassejt li xi nies ma jridux hawn, mhux biss din is-sena iżda s-sena l-oħra wkoll.”