Terremot qawwi fil-gżira ewlenija Indoneżjana ta’ Java jħalli għexieren ta’ nies mejta u mijiet midruba, qed jgħidu uffiċjali tal-lokal.

It-terremot ta’ qawwa 5.6 laqat il-belt ta’ Cianjur fil-Punent ta’ Java, u seħħ f’fond baxx ta’ 10km skont id-dejta tal-US Geological Survey.

Għadd ta’ nies ittieħdu l-isptar, b’ħafna kellhom ikunu ikkurati barra.

Membri tas-salvataġġ ħadmu matul il-lejl biex jippruvaw isalvaw persuni li kienu maħsuba li għadhom maqbuda taħt bini mġarraf.

In-numru eżatt ta’ vittmi s’issa għadu mhux ċar. L-Aġenzija Nazzjonali għall-Mitigazzjoni tad-Diżastri (BNPB) tal-Indoneżja qalet li n-numru ta’ mwiet uffiċjali tagħhom kien ta’ 103, u żiedet li ċifra oħra mogħtija mill-gvernatur reġjonali Ridwan Kamil – 162 – għadha mhux verifikata.

Il-BNPB qalet li 390 persuna oħra sfaw feruti u li 7,000 persuna ħadu kenn f’diversi postijiet fl-inħawi.