L-awtoritajiet Ukraini ħabbru li d-delegazzjoni tagħhom waslet fil-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Belarus biex jibdew taħditiet ta’ paċi mad-delegazzjoni Russa.
Il-kwistjoni ewlenija fuq l-aġenda tagħhom, jgħidu, hija waqfien mill-ġlied u l-irtirar tat-truppi mit-territorju Ukren.
Aktar qabel kien irrappurtat li t-taħditiet baqgħu jiġu posposti minħabba kwistjonijiet ta’ loġistika u sigurtà.
Fl-indirizz tiegħu nhar il-Ħadd, il-President Ukrain Zelensky qal li ma stenniex avvanz minn dawn it-taħditiet.
Iżda, żied jgħid, għandhom jippruvaw jużaw dan iċ-ċans anke jekk ikun żgħir, biex ħadd ma jkun jista’ jwaħħal lill-Ukrajna li ma ppruvatx twaqqaf il-gwerra.